Kif Mietu l-Appostli?

It-tnax-il appostlu (sors: https://tinyurl.com/yxorfdlx)

Fil-Bibbja ma nsibu xejn dwar il-mewt tal-Appostli, għajr għal tnejn minnhom; dik ta’ Ġuda l-Iskarjota u ta’ Ġakbu. It-tagħrif li għandna dwar il-ħajja u l-mewt tagħhom ġej mit-Tradizzjoni tal-Knisja u kitbiet oħra antiki. Xi wħud minn dawn il-kitbiet u Tradizzjonijiet huma msejsa fl-istorja u nsibuhom rakkontati f’kitbiet varji, filwaqt li oħrajn m’huma xejn ħlief storja u leġġenda li nkitbu wara sekli sħaħ ta’ tradizzjoni orali li ġiet mgħoddija verbalment minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Hawn taħt ser nagħtu ħarsa fil-qosor dwar il-mewt ta’ kull appostlu.

Pietru

Kien imsallab rasu l-isfel fuq salib madwar is-sena 64 AD mill-Imperatur Neruni wara l-ħruq ta’ Ruma. Skont it-Tradizzjoni tal-Knisja (mill-kitba apokrifa l-Atti ta’ Pietru, fl-ewwel ittra ta’ Klement ta’ Ruma, u fl-istorja tal-Knisja tal-bidu minn Ewsebju) dan kien minħabba li Pietru ma ħassux denju li jmut bħal Kristu. Fl-Evanġelju skont Ġwanni (21, 18-19), Ġesù jgħid lil Pietru b’liema mewta kellu jmut.

Indrì

Skont it-Tradizzjoni, Indrì kien marbut (mhux imsallab bl-imsiemer) fuq salib b’forma ta’ X f’Patras, il-Greċja. Sfortunatament, li nafu dwar il-mewt ta’ Indri ġejja mill-kitba apokrifa l-Atti ta’ Indrì, li tinkludi diversi episodji sopranaturali li jdajfu il-fedeltà tal-kitba.

Ġakbu

Ġakbu ħu Ġwanni, kien l-ewwel appostlu li miet. Hu wieħed miż-żewġ appostli li nsibu r-rakkont tal-mewt tagħhom fil-Bibbja (Atti 12, 1-2). Hu miet billi qatawlu rasu. L-istudjużi tal-Bibbja jaħsbu li dan seħħ għal ħabta tas-sena 44 AD f’Ġerusalemm.
Fir-raba’ seklu wara Kristu, Ewsebju ta’ Ċesareja jirrakkonta l-mewt ta’ Ġakbu u jikkwota lil Klement ta’ Lixandra. Fir-rakkont tiegħu jgħid li l-gwardjan li kien imqabbad jgħasses lil Ġakbu mpressjona ruħu bil-fidi li kellu Ġakbu u kkonverta. It-tnejn mietu flimkien bl-istess mod.

Ġwanni

Ħafna jaqblu li Ġwanni hu l-uniku appostlu li ma mietx bil-martirju imma b’mewta naturali fil-gżira ta’ Patmos madwar is-sena 98 AD. Dan ma jfissirx li ma ħax fuqu l-martirju. Tertuljan, awtur Kristjan tat-tieni/tielet seklu, kiteb li Ġwanni kien meħud f’kolossew mimli nies u tefawh f’banju żejt jagħli. Malli raw li ma ġralu l-ebda’ ħsara, in-nies kollha li kienu fil-kolossew ikkonvertew għall-kristjaneżmu.

Filippu

L-aktar tradizzjonijiet bikrin tal-Knisja, mill-kitbiet ta’ Polikratu minn Efesu, jirrakkontaw li Filippu kien imħaġġar fil-belt antika ta’ Hierapolis. Tradizzjoni oħra tgħid li qatawlu rasu, filwaqt li hemm ukoll rakkont ieħor li jgħid li miet billi ġie msallab rasu l-isfel. Però dawn jistgħu jkunu żbaljati minħabba li fl-istorja tal-bidu kien hemm min jitfixkel bejn Filippu l-appostlu u Filippu d-djaknu (ara Atti 6; 8; 21).

Bartilmew

Magħruf ukoll bħala Nathaniel. Hu kien missjunarju fl-Asja. Huwa xehed għal Kristu fit-Turkija tal-preżent. Bartilmew ġie martirizzat għall-predikazzjoni tiegħu fl-Armenja fejn kien imqaxxar sal-mewt.

Tumas

It-tradizzjoni miktuba fl-Atti ta’ Tumas (ktieb apokrifu) tgħid li hu ġie maqtul b’lanez waqt wieħed mill-vjaġġi missjunarji tiegħu fl-Indja.

Mattew

L-ewwel kitba tal-mewt ta’ Mattew tgħid li miet mewta naturali, imma l-istudjużi jaqblu li dan mhux rakkont ta’ min joqgħod fuqu. Kitbiet tardivi jirrakuntaw il-martirju ta’ Mattew, imma jvarjaw bil-mod tagħhom. L-aktar tradizzjoni li hi meqjusa ġenwina hi li Mattew miet minn feriti ta’ daqqiet tax-xabla fl-Etjopja.

Ġakbu ta’ Alfew

Ġakbu bin Alfew hu msemmi darbtejn fil-Bibbja u hu appostlu enigmatiku minħabba li hemm diversi personaġġi msemmija Ġakbu u li r-rakkonti bikrin kienu jħawdu wieħed mal-ieħor.
Jekk wieħed jassumi li Ġakbu ta’ Alfew, hu l-istess Ġakbu ħu l-Mulej (Mt 13,55; Mk 6,3; Gal 1,19) li mexxa l-Knisja f’Ġerusalem, skont Josephus Flavius, il-qassis il-kbir Ananija kkundanna lil Ġakbu talli mar kontra l-Liġi Lhudija u tah il-martirju billi ħaġġruh.

Ġuda bin Ġakbu

Ma tantx għandna rakkonti dwar dan l-appostlu. It-Tradizzjoni żżomm li nqatel bil-vleġeġ wara li rrifjuta jiċħad il-fidi tiegħu fi Kristu.

Ġuda l-Iskarjota

Il-mewt ta’ Ġuda nafuha mill-Iskrittura. Ġuda tgħallaq wara li ttradixxa lil Ġesù (Mattew 27, 5; 27, 6-10; Atti 1, 18-19).

Xmun il-Kanani

Hemm diversi rakkonti dwar il-ħajja u l-mewt ta’ Xmun, u l-aktar bikrin huma miktuba sekli wara l-mewt tiegħu. Għalhekk, hu diffiċli li wieħed jgħid kif ġrat il-mewt tiegħu. Ir-rakkonti jvarjaw minn martirju fil-Liberja, fil-Persja, u saħansitra anke fil-Britannja. It-tradizzjoni tal-lvant iżżomm li Xmun miet Edessa ta’ età kbira.

Mattija

L-appostlu magħżul biex jissostitwixxi lil Ġuda l-Iskarjota (atti 1, 12-26), ġie mħaġġar u mbagħad qatgħulu rasu.

Pawlu – L-Appostlu tal-Ġnus

Ġie ttorturat u mbagħad qatgħulu rasu mill-Imperatur Neruni f’Ruma fis-sena 67 AD. Pawlu ġarrab priġunerija twila, li ppermettietlu jikteb ħafna mill-ittri tiegħu lill-Knejjes li hu fforma. Il-mewta tiegħu nafuha mit-testimonjanza ta’ Klement ta’ Ruma.