2021/02 – Il-Parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb

Matul ix-xahar ta’ Frar ser nirriflettu fuq il-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb, parabbola li m’għandha bżonn l-ebda ntroduzzjoni u kullħadd jafha. Tant nafuha li daħlet parti mil-lingwa tagħna. Mhux l-ewwel darba tisma’ minn jgħid li “dak Samaritan tajjeb” biex ifaħħar lil xi ħadd dwar xi għajnuna li ta lil ħadd ieħor. Jew, “fih Samaritan dak!” biex tirreferi lil xi persuna li ma tantx tħenn għall-oħrajn.

Il-Parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb (Luqa 1, 25-37)

Mela jqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrbu, staqsieh: “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?” Qallu Ġesù: “Fil-Liġi x’hemm miktub? Inti x’taqra fiha?” U dak wieġeb: “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” “Sewwa weġibt,” qallu Ġesù, “agħmel hekk u tgħix.” Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù: “U l-proxxmu tiegħi min hu?” U Ġesù raġa’ qabad jgħidlu: “Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa’ f’idejn il-ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet. Inzerta kien nieżel qassis minn dik it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Hekk ukoll wieħed levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu, “Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, irroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi.’ Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?” “Min ħenn għalih,” wieġbu dak. “Mur,” qallu Ġesù, “u agħmel hekk int ukoll.”

Luqa 10, 25-37

Riflessjoni

Biex tgħina għar-riflessjoni tagħna, dan ix-xahar ser nużaw ikona Biżantina oħra.

Ġesù s-Samaritan it-Tajjeb – Ikona Biżantina

L-ewwel ħaġa li tolqotna mill-ikona hu li hemm tlett xeni, s-Samaritan hu Ġesù, u l-qassis u l-Levita ma jidhrux fl-ikona. Wieħed jinnota wkoll li l-persuna li qiegħed iġorr Ġesù mhux l-istess wieħed. Allura x-xeni li qed naraw mhux qed jiddeskrivu l-parabbola b’mod dirett, bħal meta wieħed qiegħed jara film.

Nota dwar l-iskrizzjonijiet li nsibu fuq l-ikona. Fuq nett naraw il-Kristogramma IC u XC li tfisser Ġesù Kristu (fil-qosor għal ΙΗϹΟΥϹ ΧΡΙϹΤΟϹ (Iesous Christos) bil-Grieg medjevali).  Fir-raġġiera, b’forma ta’ salib insibu l-ittri Ο Ω Ν, jiġifieri ὁ ὤν (ho on), li tfisser “Jiena Hu” b’referenza għall-Ktieb tal-Eżodu 3, 14. Fl-aħħar naraw l-isem tal-ikona, ὁ καλος Cαμαριτης (ho kalos samarites), li tfisser is-Samaritan it-Tajjeb.

Nibdew ir-riflessjoni tagħna billi nitfgħu ħarsitna fuq l-ewwel xena, fuq ix-xellug tal-ikona.  F’din ix-xena naraw lil Ġesù jżomm il-midrub fuq il-ħmar. Hawn nistħajjel lil Ġesù dieħel bil-glorja tiegħu Ġerusalemm f’Ħadd il-Palm u jara lil xi ħadd midrub, jieqaf, jinżel, u jmur jiltaqa’ mal-midrub. Mhux biżżejjed li jiltaqa’ miegħu, imma jtellgħu fuq il-felu tiegħu u jħares b’ħarsa ta’ ħniena f’għajnejh.  Hekk aħna ma rridux inħarsu lejn il-persuna jew il-istatus tagħna. L-għajnuna li nagħtu għandha tkun mhux biex inħossuna tajbin, imma biex dak li qiegħed jirċievi l-għajnuna tagħna jara l-ħniena tal-Missier.

Fit-tieni xena, dik fuq il-lemin, naraw lil Ġesù mgħobbi bil-midrub. Mill-ewwel tfakkarna f’Ġesù mgħobbi bis-salib. Din id-darba, il-midrub mhux żagħżugħ, imma raġel xiħ. L-ikonografu jrid jgħaddilna l-messaġġ li r-rridu nibqgħu nduru bil-midrub sakemm hemm bżonn, sakemm inwasslu l-proxxmu tagħna għand il-Missier (rappreżentat permezz ta’ dik il-persuna tistenna fil-bieb tal-Knisja fuq wara). Fit-tradizzjoni ortodossa, speċjalment dik Russa, hemm l-idea li dak ir-raġel fuq spallejn Ġesù hu Adam u għalhekk jirrappreżenta l-umanità kollha. Is-sejħa Nisranija tagħna hi biex ngħinu lil kulħadd jasal għand il-Missier, mingħajr ma nagħmlu distinzjoni u b’perseveranza.

Fit-tielet xena, u dik l-aktar prominenti naraw lil Ġesù jżomm persuna fuq spallejh, il-figura tar-ragħaj it-tajjeb.  Il-Papa Franġisku, fl-Enċiklika tiegħu Fratelli Tutti jitkellem fit-tul fuq dawn iż-żewġ parabboli, sewwa sew li huma tema fiċ-ċentru tal-Enċiklika. F’din ix-xena naraw kif għandna nkunu Samaritan tajjeb mal-proxxmu tagħna, billi nimitaw lil Ġesù u nkunu rgħajja għall-oħrajn. Wara kollox, fil-magħmudija tagħna aħna ġejna kkonsagrati biż-żejt biex nagħmlu eżattament dan.

Il-Papa Franġisku jgħidilna li l-imħabba tas-Samaritan ma waqfitx mal-parametri tal-kultura tiegħu jew reliġjon (paragrafu 62 tal-Enċiklika Fratelli Tutti). Lanqas mal-inkonvenjenza bħala skuża biex ma jgħinx lil ħaddieħor (63), jew li stenna xi rigal tal-ġenerożità tiegħu (79). Imma l-iskop hu li jersaq viċin ta’ kullħadd, speċjalment ta’ dawk l-aktar fil-bżonn (81).  Dan hu eżatt li għamel Ġesù fil-ħajja tiegħu, u aħna mistiedna nimxu fuq il-passi tiegħu.