Maltese Spirituality Joseph D'Emanuele  

Sibt il-Għid: Omelija Antika

F’Sibt il-Għid, il-Knisja Kattolika permezz tal-Qari tal-Uffiċċju tippreżentalna omelija antika mill-kitbiet li nsibu fil-Patristka Griega. X’inhi l-Patristiga Griega?

Patristika Griega tirreferi għall-kitbiet teoloġiċi u t-tagħlim tat-teologi Kristjani tal-bidu li kitbu bil-Grieg, mill-1 sat-8 seklu. Dawn Missirijiet il-Knisja, jew Patristiċi, kellhom rwol sinifikanti fit-tiswir tal-iżvilupp tat-teoloġija, id-duttrina u l-prattika Kristjani.

Il-Patristiċi Griegi jinkludu figuri notevoli bħal San Atanasju, San Ċirillu ta’ Lixandra, San Girgor ta’ Nissa, San Ġwann Krisostmu, San Massimu Konfessur, u San Bażilju l-Kbir. Il-kitbiet tagħhom jinkludu priedki, ittri, trattati, u xogħlijiet teoloġiċi li indirizzaw firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet, fosthom in-natura ta’ Alla, it-Trinità, il-Kristoloġija, is-soterjoloġija, l-ekkleżjoloġija u l-eskatoloġija.

Il-Patristiċi Griegi huma meqjusa bħala sors essenzjali tat-teoloġija Kristjana u huma studjati minn teologi, studjużi, u studenti tal-Kristjaneżmu madwar id-dinja. Il-kitbiet tagħhom jipprovdu pedament għall-iżvilupp tad-duttrina Nisranija u influwenzaw il-prattiċi teoloġiċi, liturġiċi u spiritwali tal-Knejjes Ortodossa u Kattolika.

Ikona tal-Qawmien – Oratorju mssp, B’Kara

Il-Mulej niżel f’art l-imwiet

 X’inhu dan li ġara? Illum fid-dinja waqa’ skiet kbir; skiet kbir, imbagħad solitudni; skiet kbir, għax is-Sultan raqad; l-art twerwret u siktet, għaliex Alla magħmul bniedem raqad, u qajjem lil dawk li kienu ilhom ħafna reqdin. Alla bħala bniedem miet, u heżheż art l-imwiet.

Għax tassew, hu mar ifittex l-ewwel missier tagħna, li kien qisu n-nagħġa l-mitlufa. Iva, ried iżur lil dawk li kienu fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt; iva, Alla, u Ibnu, mar iħoll mill-irbit tat-tbatija lil Adam l-imjassar, flimkien ma’ Eva l-imjassra.

U l-Mulej daħal ħdejhom, bl-arma rebbieħa tas-salib f’idejh. Kif rah Adam, l-ewwel missier tagħna, kollu mistagħġeb beda jħabbat fuq sidru u jgħid lil kulħadd: “Il-Mulej Sidi ma’ kulħadd”. U wieġeb Kristu u qal lil Adam: “U miegħek ukoll”. Imbagħad qabdu minn idu, qajmu u qallu: “Stenbaħ int, li rieqed, u qum mill-mewt, ħa jiddi fuqek Kristu.”

“Jien hu Alla tiegħek, li minħabba fik sirt ibnek; minħabba fik u l-imnissla minnek kollha, issa bis-setgħa tiegħi qiegħed nordna u ngħid lil dawk li kienu marbuta fil-jasar, ‘Oħorġu’; lil dawk li kienu fid-dlamijiet, ‘ Ħa jiddi fuqkom id-dawl’; u lil dawk li kienu mitlufa fin-ngħas, ‘Qumu’.”

“Jien qiegħed nordnalek: Stenbaħ, int, li rieqed; għax jien ma għamiltekx biex tibqa’ marbut f’art l-imwiet. Qum mill-imwiet; jiena l-ħajja tal-mejtin. Qum, għemil idejja; qum, xbieha tiegħi, int li kont magħmul fuq ix-xebħ tiegħi. Qum, noħorġu minn hawn; għax inti fija, u jiena fik, aħna persuna waħda mhix mifruda.”

“Minħabba fik jien, Alla tiegħek, sirt ibnek; minħabba fik jien, is-Sid, sirt ilsir bħalek; minħabba fik jien, li jien ogħla mis-smewwiet, inżilt fl-art, anzi sa qiegħ l-art; minħabba fik, ja bniedem, jien sirt qisni bniedem bla saħħa li għandu friexu fost il-mejtin; inti ħriġt mill-ġnien u jien minħabba fik itteħidt minn ġo ġnien, ingħatajt f’idejn il-Lhud, u ssallabt fi ġnien.”

“Ħares lejn il-bżieq li tefgħuli fuq wiċċi; jiena lqajtu minħabba fik, biex nitfa’ fuqek mill-ġdid dak in-nifs li kien ingħatalek fil-bidu. Ara kemm daqqiet bil-ħarta tawni fuq ħaddejja; jien stabart bihom, biex inġedded fik dik ix-xbieha li fuqha ssawwart u li int ħassart, u nagħtiha sura tixbah lil tiegħi.”

“Ara kemm swat ħadt fuq dahri; jiena lqajtu minħabba fik, biex inneħħilek minn fuq dahrek it-toqol ta’ dnubietek. Ħares lejn idejja, kif issammru mas-salib minħabba fik, għax int darba għamilt ħażin li middejt idek lejn is-siġra.

“Jiena rqadt fuq is-salib, u lanza nifditli ġenbi; dan ukoll minħabba fik, għax inti rqadt fil-ġnien u ġenbek infetaħ biex minnu ħarġet Eva. Issa ġenbi fejjaq lil ġenbek, ir-raqda tiegħi qajmitek mill-irqad tiegħek f’art l-imwiet, u l-lanza tiegħi żammet lura x-xabla li kien hemm imxejra għalik.”

“Qum, nitilqu minn hawn. L-għadu ġagħlek toħroġ mill-Għeden; imma jien se nqiegħdek mhux fi ġnien tal-art, imma fuq tron fis-sema. L-għadu firdek minn siġra li kienet biss xbieha tal-ħajja; imma ara, jien, il-ħajja, issa ninsab ħaġa waħda miegħek. Fl-imgħoddi qegħedtlek il-kerubini qishom qaddejja tiegħek biex iħarsuk; issa nagħmel li l-kerubini, b’mod li jixraq lil Alla, jagħtuk il-qima tagħhom.”

“Jien ħejjejtlek it-tron tal-kerubini; dawk li se jwassluk hemm huma lesti u qegħdin jistennewk: bnejtlek il-post fejn se toqgħod; għandek l-ikel imħejji; it-tinda tiegħek ta’ dejjem mgħammra u mżejna; it-teżori ta’ kull ġid huma miftuħa għalik; is-saltna tas-sema tħejjietlek sa minn dejjem.”

Qari minn Omilija antika fuq is-Sibt qaddis tal-Għid il-Kbir
(PG 43:439,451,462-463)

Talba

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, Ibnek il-waħdieni daħal fil-qiegħ tal-art, minn fejn reġa’ ħareġ mimli bil-glorja; agħtina l-grazzja li, kif il-fidili tiegħek jindifnu miegħu fil-magħmudija, hekk ukoll jersqu lejn il-ħajja ta’ dejjem bis-saħħa tal-qawmien tiegħu, hu, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.