GFN Maltese Joseph D'Emanuele  

2021 – Introduzzjoni għall-Ġimgħa Mqaddsa

Skema sussidju GFN B’Kara – Santa Marija

L-għan ta’ dan il-blog post hu biex jgħinna nidħlu fl-ispirtu tal-ġimgħa mqaddsa u nirriflettu ftit fuq il-ħajja spiritwali tagħna. Mhux ser nieħdu ħafna ħin niddiskutu imma l-iskop hu li nirriflettu fis-skiet. Għal dan l-eżerċizzju ser inħarsu lejn l-ikona Biżantina tad-daħla ta’ Ġesù f’Ġerusalemm u wara li niddiskrivuwha, kull wieħed u waħda minna jara ma’ liema personaġġ jassoċċja ruħu f’dan il-mument. 

Ikona biżantina li tirrapreżenta d-daħla ta’ Ġesù f’Ġerusalemm

L-ikona li għandna quddiemna turi b’mod viżibbli l-glorja u l-identità inviżibbli ta’ Ġesù: l-Għerf Qaddis. Dan hu rappreżentat permezz tar-raġġiera (Qdusija) u tal-iskroll (il-Kelma Mqaddsa) li qiegħed iżomm f’idu.

Wara Kristu, isegwu d-dixxipli Tiegħu, immexxija minn Pietru u Ġwanni – iż-żewġ Appostli li l-Missirijiet tal-Knisja jiddiskrivuhom bħala “l-pilastri tal-Knisja”. F’din l-ikona jidhru mitlufin f-diskussjoni u tħassib fuq wiċċhom. Dan minħabba li huma ma kinux qablu mad-deċiżjoni ta’ Ġesù biex imur lura l-Lhudija (ara Ġw 11, 7-10). Issa, mhux talli ma marrux il-Lhudija, imma talli qegħdin deħlin Ġerusalemm, il-post fejn il-Lhud għandhom is-sede tal-awtoritajiet reliġjużi tagħhom!  Huma mħawdin ukoll bl-għażla tat-trasport li għamel Ġesù (ara Ġw 12, 16). Fl-ikona naraw lil Ġesù jdur lura lejn l-Appostli, bħallikieku jħeġġiġhom biex ikomplu jimxu warajh.

Mill-bibien ta ’Ġerusalemm joħorġu l-Lhud li kienu nġabru biex jiċċelebraw il-Għid tagħhom (Passover). Qegħdin jgħajjtu:

“Hosanna  lil Bin David!

Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!

Hosanna fl-ogħla tas-smewwiet!”

Mt 21, 9

It-tfal qed jiksru l-friegħi mill-palm u jpoġġuhom quddiem il-ħmar ta’ Ġesù, filwaqt li oħrajn qed ipoġġu ħwejjiġhom quddiemu. Il-messaġġ huwa ċar: huma dawk li għandhom sempliċità u devozzjoni bħat-tfal li verament jimxu u jfaħħru ifaħħru lill-Mulej. Filwaqt li l-adulti – kemm l-Appostli kif ukoll il-Lhud – għandhom it-tendenza li jintilfu f’ħafna ħsibijiet u jitilfu l-iskop prinċipali. It-tfal huma libsien ilbies abjad minn taħt biex jenfasizzaw il-purità u l-innoċenza tagħhom. Din il-libsa bajda tfakkarnua ukoll fil-libsa tal-magħmudija tagħna. Aħna wkoll ġejna mlibbsa l-abjad u rridu ninżaw il-ħwejjeġ li lbisna matul iż-żmien biex nerġgħu niskopru l-identità tagħna.  Jidher ukoll dettall żgħir, ta’ tifel li jiġbed xewka minn saqajh.  F’ikoni oħra naraw tifel jaqla xewka minn saqajn ieħor. Ix-xewka ħadha meta kien tielgħa fuq is-siġra tal-palm, Il-messaġġ hu li t-telgħa spiritwali li hija ħarxa u skomda, anke għal innoċenti. Imma din m’għandiex taqtalna qalbna għalik l-iskop aħħari hu wieħed għani – dak li nimxu (ngħixu u nagħmlu) wara Ġesù.

Riflessjoni

Jien fejn ninsab f’din l-ikona?

Dawn huma xi ftit punti biex jgħinuk tirrifletti u titlob:

  • Jien wieħed mill-Appostli? Miexi wara Ġesù, imma niddubita f’kollox, inqis kollox, u ma nafdax ħajti fidejh?
  • Jien wieħed mill-Lhud li qed jilqgħu li Ġesù u jkantaw is-Salmi, imma ma l-ewwel intopp nibża’ għal-ġildi u naħrab?
  • Jew jien wieħed mit-tfal? Forsi bħal issa ninsab mniġġeż bix-xewka imma xorta waħda l-għan tiegħi hu li nimxi warajh.

Wara r-riflessjoni, nispiċċa billi nitlob lil Ġesù jgħini ħalli niskopri aktar lili nnifsi u nersaq iktar qrib tiegħu, u b’hekk inkun nista’ nkun ta’ għajnuna għal ta’ madwari biex jiskopru aktar lil Ġesù.