GFN Maltese Joseph D'Emanuele  

2021 – Il-Milied

It-twelid ta’ Ġesù Kristu

F’dik il-ħabta Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment fid-dinja kollha. Dan kien l-ewwel ċensiment li sar meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja. U kulħadd mar biex jinkiteb, kull wieħed fil-belt tiegħu. Ġużeppi wkoll mar mill-Galilija, mill-belt ta’ Nazaret, u tala’ l-Lhudija, fil-belt ta’ David jisimha Betlehem – għax hu kien mid-dar u l-familja ta’ David – biex jinkiteb flimkien ma’ Marija l-għarusa tiegħu, li kienet tqila. Ġara li, meta kienu hemm, Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, u wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.

Luqa 2, 1-7

Għaddiet sena oħra. Forsi fil-bidu tas-sena kellna aspettativi differenti, imma l-COVID-19 għadu magħna, anzi, f’pajjiżna qed jiżdied.  Ftit ġranet ilu, rajna diversi persuni jargumentaw u bir-raġun kollu jistaqsu l-għala l-purċissjoni bil-bambin hi projbita filwaqt li attivitajiet oħra huma permissibbli.  Dawn kellhom kull raġun, imma nispera li aħna, membri tal-Gruppi Familji Nsara, persuni mgħammda li qegħdin  f’mixja wara Ġesù u ħerqana li nkunu dixxipli tiegħu, dan mhux il-Milied tagħna.  Nispera li mhux qed nistennew il-bambin jitwieled fil-maxtura!

See the source image
Ikona Biżantina tal-Milied

Allura, x’inhu l-Milied?  Għalija l-Milied hu żmien fejn nieqaf u inħares lejja nnifsi, nara fejn qed noqtol, jew mhux qed inħalli lil Alla jkun preżenti f’ħajti.  Forsi, hemm sitwazzjonijiet, li jaqbilli li Alla joqgħod il-bogħod; okkażjonijiet fejn jien infittex li nkun waħdi u mhux ma Ġesù.  Il-Milied għandu jkun żmien fejn jien neżamina ħajti u nara fejn irrid inwelled lil Ġesù. Per eżempju, fix-xogħol tiegħi, waqt id-divertiment, jew waqt li nqatta ħin mal-ħbieb. 

Ejjew nagħmlu l-kuraġġ! Kif naraw fl-ikona t’hawn fuq ejjew inweldu lil Ġesù f’dawk il-postijiet skuri ta’ ħajjitna fejn nistħu nuruhom lil oħrajn. Ieqaf u aħseb ftit… fejn huma dawn il-postijiet?

Awguri għall-Milied Qaddis!