2022/1 – It-tieġ f’Kana
Merħba għal sena oħra. Din is-sena, il-ktejjeb tal-Iskemi mħejji mill-Gruppi Familji Nsara ser ippoġilna quddiemna episodji mill-ħajja ta’ Ġesù fejn g’xi mod jew ieħor narawh ifejjaq. Fejqan mhux bilfors fil-ġisem, fiżikali, imma aktar importanti dak spiritwali.
L-ewwel episodju li qed naraw flimkien hu dak tat-tieġ ta’ Kana.
It-tieġ f’Kana
Imbagħad fit-tielet jum sar tieġ f’Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm. Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll flimkien mad-dixxipli tiegħu. Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: “Ma għandhomx inbid.” U Ġesù qalilha: “X’hemm bejni u bejnek, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx.” Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu.” Issa kien hemm sitt ġarar tal-ħaġar, imqiegħda hemm għar-rit tal-purifikazzjoni tal-Lhud, kull waħda minnhom tasa’ xi mitt jew mija u għoxrin litru. Ġesù qal lill-qaddejja: “Imlew il-ġarar bl-ilma.” U dawk imlewhom sax-xifer. Imbagħad qalilhom: “Issa ħudu minnu u newluh lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda.” U huma marru jagħtuhulu. Hu daq l-ilma mibdul fi nbid; u billi ma kienx jaf mnejn ġie, għalkemm il-qaddejja li ħadu mill-ilma kienu jafu, sejjaħ lill-għarus u qallu: “Kulħadd l-inbid it-tajjeb iservi l-ewwel; meta mbagħad ikun ħadhom iġibu dak li jkun inqas tajjeb. Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa.” Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih.
Ġw 2, 1-11
Din il-pittura hi xogħol tal-Patri Marko Ivan Rupnik, artist, teologu u direttur taċ-Ċentru Kulturali Aletti (Ruma). Hi l-immaġni uffiċjali tal-10 Laqgħa Dinjija tal-Familji, li se ssir f’Ruma bejn it-22 u s-26 ta’ Ġunju 2022. Dan ix-xogħol jagħti xhieda għar-rabtiet mill-qrib li jgħaqqdu l-familja u l-Knisja. Din il-pittura hija spirata mill-episodju tat-tieġ ta’ Kana, l-evanġelju ppreżentat quddiemna dan ix-xahar fl-Iskemi tal-GFN biex nirriflettu dwarhu. It-tieġ jirrappreżenta l-imħabba sagramentali bejn il-miżżewġin, li hi riflessjoni tal-imħabba li ma tinħallx bejn Kristu u l-Knisja. Fin-naħa t’isfel tal-pittura naraw lil San Pawl iferra l-inbid f’kalċi. Il-preżenza tiegħu tirreferi għal wieħed mill-kummenti fl-ittri tiegħu dwar iż-żwieġ:
Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u jsiru t-tnejn ġisem wieħed. Dan il-misteru – qiegħed ngħid għal Kristu u għall-Knisja – huwa kbir!
Ef 5, 31-32
Min jixtieq isir jaf aktar dwar din l-immaġni jista’ jaqra d-deskrizzjoni tagħha u jara l-video ta’ Parti Rupnik.
Mistoqsijiet għar-riflessjoni personali
- X’inhu r-rwol ta’ Marija f’ħajti? Fil-familja tiegħi? Nistedinha tkun preżenti?
- Kemm inħallih ikun f’ħajti lil Ġesù? Nagħmel dak li jgħidli hu, kif tikkmanda Marija lill-qaddejja? Jew iktar moħħi biex nagħmel dak li rrid jien?
- X’qed jitlobni nagħmel Ġesù bħal’issa? X’inhuma l-ġarrar tal-fuħħar li qiegħed nimla? Nitlob lil Ġesù biex jibdel dan l-ilma f’inbid…
- Jien attent minn dak li qiegħed jiġri madwari? U forsi, mhux biss inkun naf bih, imma nagħti s-sehem tiegħi fejn jonqos l-inbid,
- Fl-immaġni naraw lil Marija tara minn għajnejn Ġesù. Jien nħares lejn dawk ta’ madwari kif iħares lejhom Ġesù, jew dejjem lest nakkuża, nikkritika bl-iskop li nkisser u neqred, jew inweġġa lill-oħrajn?
- Is-silta tispiċċa li d-dixxipli tiegħu emmnu fih. Jien nemmen fih? X’qed nistenna?
Talba
Nixtieq Mulej li nagħraf aktar il-preżenza tiegħek f’ħajti u għini nkun preżenti fil-ħajja tal-oħrajn. Nitolbok tagħtini qalb u moħħ li kapaċi jaraw lill-għin minn dak li tara l-għajn, jaraw fil-fond tal-qlub ta’ dawk li jgħixu miegħi biex nagħraf il-bżonnijiet tagħhom u ngħinhom f’dak li jeħtieġu. Ammen.