GFN Maltese Spirituality Joseph D'Emanuele  

2022/3 – Ġesù jfejjaq għaxar lebbrużi

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Ġara li, huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda minn bejn is-Samarija u l-Galilija. Kif kien dieħel f’raħal, iltaqgħu miegħu għaxart irġiel morda bil-lebbra. Waqfu ’l bogħod minnu, għollew leħinhom u qalulu: “Ġesù, Mgħallem, ikollok ħniena minna!” Kif rahom, qalilhom: “Morru uru rwieħkom lill-qassisin.” U ġara li, huma u sejrin, fiequ mill-marda tagħhom. Wieħed minnhom, kif ra ruħu mfejjaq, raġa’ lura jgħajjat u jfaħħar lil Alla, 16inxteħet wiċċu fl-art f’riġlejn Ġesù u raddlu ħajr. Issa dan kien Samaritan. U Ġesù qabad u qal: “Mhux l-għaxra fiequ mil-lebbra? Fejn huma d-disgħa l-oħra? Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani!” Imbagħad qallu: “Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek.”

Lq 17, 11-19

Riflessjoni

Din l-istorja lkoll nafuha, u nsibu diversi riflessjonijiet dwarha.  Fl-iskemi ta’ dan ix-xahar neżaminaw ir-relazzjoni tagħna m’Alla. Kemm nirringrazjawh ta’ dak li jagħmel magħna?  Kif nistgħu nuru l-gratitudni u l-ġenerożità tagħna fil-familja u lejn l-oħrajn? 

Fir-riflessjoni tagħna nixtieq li nieħdu direzzjoni kemxejn differenti. Il-lebbra kienet mhux biss marda li tgħajjik fiżikament, imma kienet marda li taqtgħek minn mal-komunità, mill-familjari, minn dawk kollha li kont taqsam ħajtek magħhom s’issa.  Kienet marda ta’ iżolament, li ma stajtx lanqas toqgħod f’post abitat min-nies.  Ara l-ktieb tal-Levitiku kap 13 għal-liġijiet marbuta ma’ mard tal-ġilda. Aħna nistgħu nifhmu ftit din is-sensazzjoni meta konna iżolati f’darna minħabba l-imxija tal-COVID-19. 

Bl-istess mod, id-dnub tagħna jaqtgħana mill-komunità Nisranija, jżżomna l-bogħod minn dawk li nħobbu.  F’dawn il-mumenti, għandna nagħmlu bħal-lebbrużi, nsejħu lil Ġesù, nitolbuħ jfejjaqna spiritwalment, u bħala Nsara Kattoliċi mmorru nuru ruħna lis-saċerdot! Kemm jagħmel sens il-qrar f’dan id-dawl!  Din għandha tkun id-dispożizzjoni tagħna meta mmorru nqerru, mhux immorru ngħidu l-lista ta’ dnubiet li għamilna biss, imma mmorru b’qalb miftuħa lesti biex infiequ.  Wara nerġgħu mmorru għand Ġesù nirringrazzjawh tal-ħniena bla tarf tiegħu!

Għeluq

Dan ix-xahar nippruvaw insibu ftit ħin niltaqgħu ma Ġesù, nitolbuh jfejjaqna u mmorru nqerru.  Grazzi Mulej talli int dejjem lest terġgħu tilqana lura, minkejja l-dnubiet, u s-sura tagħna.