GFN Maltese Joseph D'Emanuele  

2021/4 – Il-Parabbola tal-Iben il-Ħali u oħrajn

L-iskema tax-xahar ta’ April titratta l-parabboli minn San Luqa 15, 1-32.

Il-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa

Il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom biex jisimgħuh. U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom!” U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola: “Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha? U meta jsibha, jifraħ biha u jerfagħha fuq spallejh, imur id-dar, isejjaħ għandu lil ħbiebu u l-ġirien, u jgħidilhom, ‘Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli.’ Ngħidilkom li l-istess jiġri fis-smewwiet: ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn ta’ ndiema.

Il-parabbola tad-drakma l-mitlufa

“Jew min hi dik il-mara li jkollha għaxar drakmiet u titlef waħda minnhom, li mhijiex sejra tixgħel il-musbieħ u tiknes id-dar, u tibqa’ tfittex bil-għaqal sa ma ssibha! U meta ssibha, issejjaħ għandha lil ħbiebha u l-ġirien, u tgħidilhom, ‘Ifirħu miegħi, għax sibt id-drakma li kienet intilfitli.’ Ngħidilkom jien li l-istess ferħ ikun hemm fost l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem.”

Il-parabbola tal-iben il-ħali

Qalilhom ukoll: “Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Iż-żgħir qal lil missieru, ‘Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.’ U dak qassmilhom il-ġid. Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajra. Meta ħela kulma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn. U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħnieżer. Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih. Imbagħad daħal fih innifsu u qal, ‘Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobż bix-xaba’, u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ! Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu, ‘Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek.’ Qam, u telaq għal għand missieru. Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu. ‘Missier,’ qallu ibnu, ‘dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek.’ Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu, ‘Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh! Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, għax dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!’ U bdew jagħmlu festa.

“Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sama’ daqq u żfin. Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien. ‘Hawn ħuk,’ qallu dak, ‘u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ.’ Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. ‘Ara,’ qal lil missieru, ‘ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi! Imbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen!’ ‘Ibni,’ qallu missieru, ‘inti dejjem miegħi, u kulma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab.’ ”

Lq 15, 1-32

Qabel ma mmur għar-riflessjoni tagħna, nixtieq nagħmel ftit punti żgħar biex jgħinuna nifhmu dawn it-tlett parabboli.  Kif miġjuba minn San Luqa (għaliex San Mattew jagħtina l-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa wkoll imma f’kuntest u skop differenti – ara Mt 18,12 -14) l-għan hu li Ġesù ried juri l-ħniena t’Alla mal-midinbin.  Ġesù qal dawn il-parabboli biex jispjega lill-kittieba u l-Fariżej għaliex hu kien jilqa’ għandu l-publikani u l-midinbin. Ġesù jrid jurina kif Alla nnifsu jġib ruħu mal-midinbin. Differenti għal-kollox minn kif kienu jaħsbu l-Lhud, li trid tkun perfett biex tersaq quddiem Alla, Ġesù jurina li għandna nersqu quddiemu kif aħna, u nħalluh ibiddilna.

It-tliet parabboli għandhom struttura komuni:

  1. xi ħaġa jew xi ħadd huwa mhux f’postu jew mitluf,
  2. jinstab, jinġieb, jew jirritorna d-dar,
  3. is-sid, il-ħbieb, il-familja, u l-ġirien jiċċelebraw li dak li ntilef issa nstab. U r-relazzjoni reġgħet inbniet mill-ġdid.

Il-lingwa u temi komuni huma:

  • mitlufa (apolesa),
  • dar (oikos / oikia),
  • misjuba (euron),
  • ħbieb (philoi / philas),
  • ġirien,
  • ċelebrazzjoni komunitarja, u
  • ferħ fuq midneb wieħed li jindem.

Riflessjoni

Għar-riflessjoni tagħna nixtieq li nitolbu bl-ikona li għandna hawn taħt. Hi ikona li tirrapreżenta diversi xeni mill-parabbola tal-Iben il-Ħali.

Dawn huma t-tlett xeni prinċipali:

L-iben jitlaq u jmur lura lejn missieru
Il-missier jilqa’ lura lill-iben
L-iben il-kbir jargumenta mal-missier li qatt ma telqu

Il-mistoqsija għar-riflessjoni tagħna hi: Jien fejn jien f’din l-ikona? Ma liema personaġġ nirrelata?

  1. l-iben qabel ma sab il-kuraġġ idur lura lejn il-Missier? Qiegħed insibha diffiċli nindem? Hemm xi ħaġa jew xi ħadd f’qalbi li qiegħed iżommni milli ndur lura? Forsi xi ħadd li daħaq bija jew forsi weġġani bl-attitudni tiegħu.
  2. Jien bħal issa qiegħed bħal missier nistenna lil xi ħadd jiġi lura fi ħdani?
  3. Jew, forsi bħall-iben li qiegħed wiċċu fl-art quddiem il-missier;
  4. Nista’ nkun bħall-iben fi ħdan il-missier, jew il-missier li qiegħed ninaqgħad ma’ xi persuna li kienet il-bogħod minni minħabba xi disgwit fil-passat.
  5. Forsi, bħal issa qiegħed fil-post tal-iben il-kbir li ma nistax naċċetta is-sitwazzjoni ta’ madwari.
  6. Jista’ jkun li jien qiegħed aljenat indoqq id-diska tal-massa u ma nafx x’inhu jiġri madwari bħal dak il-personaġġ idoqq il-vjolin fil-ġenb tat-triq.
  7. Jew xi personaġġ ieħor li ma semmejtx hawn fuq imma jgħodd għall-mument ta’ bħal issa tal-ħajjat tiegħi.

Jien fejn jien, hemm dejjem ir-raġġi jiddu fuqi. Ir-raġġi t’Alla li qiegħed jistennini nersaq lejh kif jien. L-iben il-ħali ma qgħadx jilbes ta’ prinċep biex imur jiltaqa’ mal-missier, imma kien il-missier li libsu ta’ prinċep!  Għalhekk b’għandix naqta qalbi mill-ħniena t’Alla u għandi nsib il-kuraġġ meħtieġ biex nindem minn dnubieti u nħalli l-Ġesù jgħini ninbidel f’persuna aħjar.