GFN Maltese Joseph D'Emanuele  

2021/9 – Il-Parabbola tat-Talenti

Għeżież ħbieb, l-iskema ta’ dan ix-xahar qed tippreżentalna il-parabbola tat-talenti.  Ejjew niftħu qlbna u nitolbu l’Alla jibgħat l-Ispirtu tiegħu fuqna waqt li naqraw din is-silta flimkien.

Il-parabbola tat-talenti


“Għax dan bħal wieħed li kien se jsiefer, u sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u ħallielhom ġidu f’idejhom. Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed, kull wieħed skont il-ħila tiegħu. U siefer. Dak li kien ħa l-ħames talenti mar minnufih iħaddimhom u qala’ ħamsa oħra. Hekk ukoll dak li kien ħa tnejn qala’ tnejn oħra. Iżda dak li ħa wieħed mar ħaffer fl-art u ħeba flus sidu. Wara ħafna, sid dawk il-qaddejja raġa’ lura u beda jagħmel il-kontijiet magħhom. Resaq quddiemu dak li kien ħa ħames talenti u ġieblu ħames talenti oħra. ‘Sinjur,’ qallu, ‘ħames talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt ħamsa oħra.’ Qallu s-sinjur, ‘Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek.’ Resaq ukoll dak li kien ħa żewġ talenti, u qallu, ‘Sinjur, żewġ talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt tnejn oħra.’ Qallu s-sinjur, ‘Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek.’ Iżda resaq ukoll dak li kien ħa talent wieħed, u qal, ‘Sinjur, lilek nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx. Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art. ‘Hawn, ara, għandek dak li hu tiegħek.’ Qabeż is-sinjur u qallu, ‘Qaddej ħażin u għażżien, kont taf li jien naħsad fejn ma żrajtx u niġbor fejn ma xerridtx. Mela kien imissek mort qegħedt flusi l-bank biex, meta niġi, kont immur niġborhom bl-imgħax. Ħudulu mela t-talent u agħtuh lil dak li għandu l-għaxar talenti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu ż-żejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. U lil dan il-qaddej bla fejda itfgħuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.

Mt 25, 14-30

Riflessjoni

Talent hu meqjus daqs 20 sena paga u hu meqjus li dan kien ikun ammont ta’ metall prezzjuż li jiżen madwar 23 kilogramma! Allura, għal-Lhudi li kien qiegħed jisma’ lil Ġesù jgħid din il-parabbola kien mall-ewwel jagħmel konnessjoni mal-piż, mat-toqol, u allura la qed nitkellmu dwar is-saltna t’Alla, mal-kaboh Yahweh. Dan it-terminu bl-Ebrajk hu tradott bħala doxa (bil-Grieg) u bil-Latin bħala gloria, li t-tnejn għandhom il-konnotazzjoni ta’ dawl, iżda s-sens bażiku tal-kelma Ebrajka huwa toqol, gravitas.

U dan il-kabod Yahweh kien jinstab fit-Tempju ta’ Ġerusalemm, jistrieħ fuq it-tron tal-ħniena ġewwa l-Qaddis tal-Qaddisin. Għalhekk, dak li kien l-itqal (l-iktar glorjuż) minn kulħadd kien il-ħniena ta’ Alla, li baqgħet f’abbundanza infinita u ineżawribbli fit-Tempju Mqaddes.

Fid-dawl ta’ dan, nistgħu naqraw il-parabbola ta’ Ġesù b’għajnejn differenti. It-talenti mogħtija lit-tliet impjegati mhumiex daqshekk rigali monetarji jew kapaċitajiet personali, imma huma sehem fil-ħniena ta’ Alla, parteċipazzjoni fil-piż tal-imħabba divina. Allura, billi l-ħniena hija dejjem diretta lejn l-ieħor, dawn it-“talenti” huma mfassla biex jinqasmu. Fil-fatt, dawn se jiżdiedu preċiżament fil-miżura li jingħataw. Il-problema tal-qaddej li difen it-talent tiegħu hu li ma fehemx in-natura ta’ dak li kien ingħata. Il-ħniena divina – riċevuta bħala rigal pur – hija maħsuba biex tingħata lil ħaddieħor bħala rigal pur. U hu għalhekk li l-kliem apparentement ħarxa tal-imgħallem m’għandux jinqara bħala l-kastig ta’ Alla rrabjat imma bħala espressjoni spiritwali: il-ħniena divina tikber fik biss sakemm tagħtiha lil ħaddieħor.

  • Jien kemm nuri ħniena mal-oħrajn?
  • Kemm naqsam il-ġid materjali u spiritwali mal-oħrajn?

Talba

Mulej Ġesù, int urejtna t-triq għall-hena ta’ dejjem, iftħilna qlubna u moħħna għall-verità tiegħek. Għinna nkabbru it-talenti li tajtna u naqsmuhom mall-oħrajn. Ammen.