GFN Maltese Joseph D'Emanuele  

2021/10 – Il-Parabbola tal-Għalqa u l-Bdiewa

Fix-xahar t’Ottubru, qed niġu ppreżentati b’parabbola oħra ta’ Ġesù, dik tal-għalqa u l-bdiewa.  Ejjew naqraw din is-silta flimkien mill-Evanġelju skont San Mattew:

Stampa meħuda minn Codex aureus Epternacensis p.77r, Benedictine Abbey of Echternach, tas-sena madwar 1030. (http://dlib.gnm.de/Hs156142/157)

Il-parabbola tal-għalqa u l-bdiewa

“Isimgħu parabbola oħra: Kien hemm wieħed, sid ta’ għalqa, u ħawwilha bid-dwieli; tellgħalha ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, u bnielha torri; u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f’art oħra. Meta wasal żmien il-frott, bagħat il-qaddejja tiegħu għand dawk il-bdiewa biex jiġbrulu l-frott li kien imissu. Iżda l-bdiewa qabdu lill-qaddejja, u lil wieħed sawtuh, lil ieħor qatluh, u lil ieħor ħaġġruh. Reġa’ bagħtilhom qaddejja oħra, aktar minn qabel, u għamlulhom l-istess. Fl-aħħar bagħtilhom lil ibnu. ‘Minn ibni jistħu,’ qal. Iżda kif raw lil ibnu l-bdiewa bdew jgħidu bejniethom, ‘Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt tiegħu niħduh aħna.’ Qabduh, xeħtuh ’il barra mill-għalqa u qatluh. Issa sid l-għalqa x’jagħmlilhom lil dawk il-bdiewa meta jiġi?” Qalulu: “Jeqridhom bla ħniena, ta’ ħżiena li huma, u l-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra li jroddulu l-frott fi żmienu.” Qalilhom Ġesù: “Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura li

‘Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka;
bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna’?

Għalhekk ngħidilkom li s-Saltna ta’ Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha.

Mt 21, 33-43

Riflessjoni

(Adattata minn https://www.qumran2.net/parolenuove/commenti.php?mostra_id=42295)
Ġesù jirrealizza li l-missjoni tiegħu fil-Ġudea mhix tħalli frott bħal ma’ ħalliet fil-Galilija. M’għadx hemm iduru wara Ġesù folol ferrieħa. Ġerusalemm hija belt feroċi, imdorrija b’kollox, u ma tiġix impressjonata faċilment minn profeta li ġej minn pajjiż imbiegħed. Kliemu, il-mirakli tiegħu, u l-kompassjoni tiegħu, ma’ ratbux l-ebusija tal-qalb ta’ dawk li jaħsbu li huma fil-kontroll tas-sitwazzjoni, il-kontroll ta’ Alla. Il-parabbola tal-bdiewa qattiela tinterpreta mill-ġdid id-diqa tal-profeta Isaija, il-lament li Alla jagħmel għall-għalqa tad-dwieli tiegħu, Iżrael, li ma tħallix frott, u ssir eżempju ta’ dak li se jiġri. Il-semmiegħa ma fehmux. Il-bniedem ma aċċettax li jkun biss l-għassies tal-ħolqien, u mhux l-imgħallem. Il-bdiewa tal-inbid jirrifjutaw li jħallsu l-kera, jitolbu d-dritt li jikkunsidraw xi ħaġa mhux tagħhom. Iva, l-iben jinqatel barra l-belt. Imma s-sid ma bagħatx armata biex teqred kollox hekk kif riedu l-Fariżej, imma jimxi t-triq kollha u juri l-wiċċ veru tiegħu. Ġesù ddeċieda: forsi l-fatt li jċedi lilu nnifsu jġiegħel lill-bdiewa tal-għalqa jibdlu fehmithom.

Talba

O Alla, nitolbuk tgħina nneħħu l-idejat tagħna u naċċettaw il-kelma t’Ibnek biex meta jerġa’ jiġi jsib għalqa maħduma u li tagħti l-frott. Ammen.