GFN Maltese Joseph D'Emanuele  

2021/11 – Il-Parabbola tal-Għaxar Xebbiet

Matul dan ix-xahar qed nirriflettu dwar il-parabbola tal-għaxar xebbiet. Ħa naqrawha u wara nirriflettu ftit dwarha.

Il-parabbola tal-għaxar xebbiet (Mt 25, 1 -13)

“Imbagħad is-Saltna tas-Smewwiet ixebbhuha ma’ għaxar xebbiet li ħarġu bl-imsiebaħ tagħhom biex jilqgħu l-għarus. Ħamsa minnhom kienu boloh u ħamsa għaqlin, għax il-boloh ħadu l-imsiebaħ imma ma ħadux żejt magħhom, waqt li l-għaqlin ħadu mhux biss l-imsiebaħ iżda wkoll iż-żejt fil-kwies. L-għarus iddawwar ma ġie, u għalhekk ilkoll ħadhom in-ngħas u raqdu. Imbagħad f’nofs ta’ lejl instama’ min jgħajjat, ‘Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!’ Dawk ix-xebbiet qamu lkoll u ħejjew l-imsiebaħ tagħhom. Iżda l-boloh qalu lill-għaqlin, ‘Agħtuna ftit żejt minn tagħkom, għax l-imsiebaħ tagħna jintfew.’ Qabżu l-għaqlin u qalu, ‘Għandu mnejn ma jibqax biżżejjed, la għalina u lanqas għalikom! L-aħjar, morru għand tal-ħanut u ixtru għalikom.’ Xħin dawk marru biex jixtru jiġi l-għarus; dawk li kienu lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ, u l-bieb ingħalaq. Saflaħħar waslu wkoll ix-xebbiet l-oħra, u bdew jgħidu, ‘Sinjur, Sinjur, iftħilna!’ Iżda hu weġibhom u qal, ‘Tassew, ngħidilkom, lilkom ma nafkomx.’ Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa.

Mt 25, 1-13
Ikona tal-parabbola tal-għaxar xebbiet

Riflessjoni qasira

Din il-parabbola taf iddarasna ftit jekk nifhmuha ħażin.  Għaliex ma ħennewx għalihom ix-xebbiet li kellhom iż-żejt u tawhom ftit lil dawk li naqashom? Għaliex ħallewhom imorru jixtru fis-sahra tal-lejl?  Il-parabbola qed tpoġġi quddiemna sfida. X’inhi?

Dawn il-mistoqsijiet nistgħu nwieġbuhom jekk nagħtu isem lid-dawl u ż-żejt.  Jekk id-dawl tal-musbieħ, tal-fjakkolla, nsemmuħ fidi u mħabba, u ż-żejt hu dak l-għemil li aħna nagħmlu biex inkebbsu l-fjamma, allura, il-parabbola tieħu sinifikat differenti.  Ħadd ma jista’ jagħtik il-fidi tiegħu biex issalva, lanqas biċċa żgħira.

Punti għar-riflessjoni personali:

  • Il-fidi tiegħi għadha tħeġġeġ, jew qed tispiċċa?
  • Il-ħajja tiegħi, l-istil ta’ ħajja li ngħix, qed tkebbes il-fjamma tal-musbieħ tiegħi, jew qed tifgaha?
  • Kif ser isibni la jiġi l-għarus?  Ser isib il-musbieħ tiegħi mixgħul?
  • Qiegħed ngħin lil ħaddieħor ikebbes il-fjamma tiegħu?  X’qed nagħmel, b’mod konkret?

Talba

Mulej Ġesù, nwegħdek li nipprova nagħmel minn kollox biex inżomm il-musbieħ tal-fidi tiegħi mixgħul, billi nagħti widen aktar għal-kelma tiegħek u nevanġelizzak, ħalli meta tiġi, jien inkun lest biex niltaqgħu miegħek.  Amen.