2021/12 – Il-Parabbola tal-Festa tat-Tieġ
F’dan l-aħħar xahar tal-2021, il-Kummissjoni Formazzjoni tal-Gruppi Familji Nsara permezz tal-ktieb Iskemi qed tistedinna nirriflettu fuq il-parabbola tal-festa tat-tieġ, mill-Evanġelju skont San Mattew.
Il-parabbola tal-festa tat-tieġ
Ġesù raġa’ qabad ikellimhom bil-parabboli u qalilhom: “Is-Saltna tas-smewwiet tixbah lil wieħed sultan li għamel festa għat-tieġ ta’ ibnu. U bagħat għall-mistednin mal-qaddejja tiegħu biex jiġu għall-festa; imma dawk ma ridux jiġu. U reġa’ bagħat qaddejja oħra, u qalilhom, ‘Għidu lill-mistednin: Ara, il-mejda tiegħi lesta; il-barrin u l-għoġiela msemmna diġà maqtula u kollox lest; ejjew għall-festa.’ Iżda dawk ma tawx kas; min mar l-għalqa, min għan-negozju tiegħu, u l-bqija qabdu lill-qaddejja tas-sultan, żebilħuhom u qatluhom. Is-sultan inkorla ħafna, u bagħat is-suldati tiegħu, qered lil dawk il-qattiela, u ħarqilhom il-belt tagħhom. Imbagħad qal lill-qaddejja tiegħu, ‘Il-festa mħejjija, imma lil dawk ma kienx ta’ min jistedinhom għaliha. Mela morru f’salib it-toroq u sejħu għall-festa lil kull min issibu.’ Dawk il-qaddejja ħarġu fit-triqat u ġabru lil kull min sabu, ħżiena u tajba, u s-sala mtliet bin-nies għall-mejda. Mela jidħol is-sultan ħalli jara min kien hemm fuq il-mejda, u hemmhekk lemaħ wieħed li ma kienx liebes għall-festa tat-tieġ; u qallu, ‘Ħabib, dan kif dħalt hawn m’intix liebes għall-festa?’ Dak tbikkem. Imbagħad is-sultan qal lil dawk li kienu qegħdin iservu, ‘Orbtulu riġlejh u idejh u waddbuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien!’ Għax ħafna huma l-imsejħin, imma ftit il-magħżulin!”
Mt 22, 1-14
Riflessjoni
Il-parabbola ppreżentat llum, għal darb’oħra qed tkellimna fuq is-sejħa li Alla jagħmel lil kull wieħed u waħda minna. Din id-darba taħt il-forma ta’ invit għat-tieġ li ħejja għalina. Li tkun mistieden ipoġġi fuqna responsabbiltà. Iżda huwa daqshekk faċli wkoll li nieħdu l-ġenerożità t’Alla bħala fatt, u nsibu skużi biex ma nwieġbux, ma tawx kas u telqu!
- Alla għal xiex qed jistedinni bħal issa? Xi skużi qiegħed insib biex ma nwieġebx is-sejħa tiegħu?
- Jien liberu li nwieġeb jew nirrifjuta l-istedina. X’inhi l-għażla tiegħi?
- Li twieġeb għall-istedina mhux biżżejjed. Jien liebes il-libsa adatta għal-festa tat-tieġ? Jew irrid nieħu sehem mill-festa, imma kif irrid jien, dak li jaqbel lili!
Talba
Nagżmel ftit ħin ta’ skiet u nirrifletti fuq il-mistoqsijiet t’hawn fuq. Nitlob biex ma nkunx trux għas-sejħa tiegħu, imma nkun lest nirrispondi b’ġenerożità, kemm nista’.