2022/2 – Ġesù jfejjaq il-qaddej ta’ ċenturjun
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
Daħal Kafarnahum, u resaq fuqu wieħed ċenturjun jitolbu bil-ħerqa u jgħidlu: “Sinjur, id-dar għandi l-qaddej mixħut, mifluġ u batut wisq.” Qallu Ġesù: “Niġi jien infejqu.” “Sinjur”, qallu ċ-ċenturjun, “Ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi. Iżda int ordna biss b’kelma, u l-qaddej tiegħi jfiq. Għax jien ukoll bniedem taħt is-setgħa ta’ ħaddieħor, u jien stess għandi suldati taħti; lil wieħed ngħidlu, ‘Mur’, u jmur; lil ieħor ngħidlu, ‘Ejja’, u jiġi; u lill-ilsir tiegħi ngħidlu, ‘agħmel dan’, u jagħmlu.” Ġesù baqa’ mistagħġeb meta sama’ dan, u qal lil dawk li kienu miexja warajh: “Tassew, ngħidilkom, f’ħadd minn Iżrael ma sibt fidi bħal din. Jiena ngħidilkom li għad jiġu ħafna mil-Lvant u mill-Punent u joqogħdu fuq il-mejda ma’ Abraham u ma’ Iżakk u ma’ Ġakobb fis-Saltna tas-Smewwiet, waqt li dawk li twieldu fis-Saltna jitkeċċew ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien!” Imbagħad Ġesù qal liċ-ċenturjun: “Mur, ħa jsirlek kif emmint!” U l-qaddej fieq dak il-ħin stess.
Mt 8, 5-13
Riflessjoni
Hemm diversi temi f’dan l-episodju mill-ħajja ta’ Ġesù. F’dan il-ftit ħin nixtieq nieqaf fuq aspett wieħed, il-mod kif iċ-ċenturjun resaq lejn Ġesù. Dan it-test li għadna kemm qrajna jurina ċenturjun, persuna Rumana, jersaq lejn Ġesù u jitolbu jfejjaq il-qaddej tiegħu. Kemm hi xi ħaġa sabiħa li wieħed jinterċedi għall-ieħor! Iċ-ċenturjun kellu dispożizzjoni ta’ umiltà, fidi, u mħabba, virtujiet li persuna li tixtieq timxi wara Ġesù għandu jkollha.
Iċ-ċenturjun lanqas biss qies lilu nnifsu bħala denju biżżejjed biex imur jiltaqa’ ma’ Ġesù jew iġġegħlu jimxi sad-dar tiegħu, minflok umilja lilu nnifsu u afda f’Ġesù.
Hu emmen f’min kien Ġesù. Il-motivazzjoni taċ-ċenturjun ma kienitx ġejja minn xi gwadann personali, imma biex ifejjaq il-qaddej tiegħu, ġest ta’ mħabba.
Kemm-il darba warrabt il-fidi għax kburi? Kienet għaċ-ċenturjun jżomm il-pożizzjoni u l-kburija tiegħu minflok ma eżalta lil Ġesù u talbu għall-għajnuna. Xi drabi naħsbu li jekk nimxu fil-fidi nidhru boloh. Aħna ma nemmnux bis-sħiħ li Ġesù huwa kompletament dak li jgħid li hu.
- Illum, ieqaf ftit u aħseb f’min talbek titlob għalih.
- Hemm xi ħadd li għandu bżonn l-interċessjoni tiegħek?
- Nitlob għal dawk li jiddependu minni.
Nitolbok Mulej għal dawk kollha li qed ibagħtu xi forma ta’ inġustizzja, mard fiżiku u mentali, u s-solitudni. Kun int il-faraġ tagħhom. Ammen.